• Skip to main content
  • Skip to primary sidebar

Isles of the Left

Il-Poeżija Tieħu Xejra Oħra

January 22, 2018 by The IotL Magazine Leave a Comment

L-Intimita’ Fil-Poeżija ta’ Antoine Cassar.

minn Lara Calleja

Illustrazzjoni ta’ Steven Scicluna

 

[dropcap]G[/dropcap]ħalkemm l-apprezzament lejn il-poeżija reġgħet qabdet ftit rittmu wara ħafna snin, xorta mhuwiex faċli li tkun meqjus bħala poeta stabilit f’Malta. Il-poeżija hija arti li ħafna drabi ma ġietx stmata kemm kien ħaqqha, u sabet ftit opportunitajiet fejn timraħ. Għaqdiet bħal Inizjamed u Għaqda tal-Malti taw iktar vuċi pubblika lill-kelma miktuba inġenerali, imma xorta għad fadal ħafna xogħol xi jsir fejn tidħol il-poeżija, u kif din tiġi ippreżentata lill-pubbliku.  Għaldaqstant, fit-tnedija ta’ Erbgħin Jum ta’ Antoine Cassar, il-poeżija ħadet xejra differenti.

L-ewwel darba li smajt lil Antoine Cassar jaqra x-xogħlijiet tiegħu kien fil-bidu tas-Sajf ta’ għaxar snin ilu, fi Ġnien il-Milorda l-Furjana.  Kienet it-tnedija tal-ġabra ta’ kitbiet Ħbula Stirati, mill-ħames awturi Ċali Grima, Mario Vella, Kevin Saliba, Alex Vella Gera u Antoine Cassar. Għalkemm oriġinarjament kont attendejt l-attivita’ biex nara lil Ċali Grima, l-impressjoni ta’ Antoine jaqra b’mod li jistiednek tisimgħu bi kmand solleni, ħalliet timbru f’moħħi. Issa li erġajt lura għal dawk ix-xogħlijiet ta’ Cassar wara diversi snin, il-kitbiet għalkemm personali, jinħassu jxeqilbu iktar lejn l-ambigwu, qishom dawra durella ma’ abiss li l-kruha tiegħu għadu biss logħba tal-ħsieb.

Sentejn wara, fl-2009, attendejt tnedija oħra ta’ Cassar bil-ktieb Passaport, fejn Antoine ħoloq lament wieħed lejn is-sitwazzjonijiet inġusti kollha li ġabu magħhom regoli stretti fl-immigrazzjoni mad-dinja kollha. Passaport, kif Antoine stess jgħid, huwa anti-passaport, cioe huwa dokument li ma jirrappreżenta l-ebda barrieri lil Immigrant u li jħallih jimraħ bla konfini. Finalment, Passaport huwa xewqa lejn umanita’ bla ġudizzji.

Fl-aħħar ġranet tal-2017 fi Studio Solipsis, fit-tnedija tal-ktieb tiegħu Erbgħin Jum, il-poeżija ta’ Antoine ħadet xejra ferm differenti. Fuq sfond mużikali minn Alex Vella Gera u Mark Abela (Żiżża), bi dwal baxxi u b’atmosfera personali, Antoine qara dawn il-passaġġi b’ intensita’ li ftit tara bħala fix-xena letterarja lokali.

Cassar qara l-versi tiegħu b’implorazzjoni, b’rabja, b’kilba u finalment b’assoluzzjoni lejn trawmi li tkaxkru miegħu sa minn eta żgħira. L-onesta’ mgħaqqda ma’ versi imdewwqa, għamlet din it-tnedija esperjenza spiritwali, u l-udjenza ssummat tiċċassa bla ma tħarrket.

Il-ktieb bil-ġabra ta’  poeżiji tieħu forma ta’ mixja bl-isem ta’ Erbgħin Jum. In-numru Erbgħin għandu diversi konnotazzjonijiet Bibliċi fejn ħafna drabi jirrappreżentaw mumenti ta’ sfidi, sawm u sagrifiċċji, fosthom l-istorja ta’ Ġesu li ġie ttantat fid-deżert għal Erbgħin Jum, jew l-ammont ta’ ġranet li qatta Mohammed  jitlob u jsum.

Erbgħin Jum huwa nfatti ktieb li jieħu forma ta’ mixja kontinwa – mixja bla direzzjoni, mixja mal-biżgħat, mal-iswed fil-moħħ u mal-fatati tal-passat.  Erbgħin Jum huwa ktieb qawwi u jħabbtek wiċċ imb wiċċ ma’ ħafna rakkonti personali ta’ trawmi, dippressjoni u tfittxija ta’ maħfra lejn missier li d-delli tiegħu segwewh tul ħajtu.

Finalment, Erbgħin Jum hija mixja li ftit ftit qed twassal lill-poeta għal fejqan u maħfra miegħu nnifsu.

 

Biż-żmien kollox jagħqad u kollox joqgħod,

Pass wara pass id-demm jinża’ mit-toqol,

Mill-bosk hemm arja ġdida dejjem ħierġa,

Anka għal din il-qalb li romlot, li romlot

 

Lara Calleja was active with Moviment Graffitti and with the newspaper Ir-Realta’, where she stood for the re-evaluation of laws on censorship in Malta. Juggling between a full time job, a photoblog called Shooting Malta, scribbling stories in Maltese, she tries to invest further time in activism. She believes that activism instigates a solid sense of awareness which empowers the masses.

 

Filed Under: More Isles of the Left, Panem et Circenses Tagged With: Erbgin Jum, poetry

Reader Interactions

Leave a Reply Cancel reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Primary Sidebar

Recent Posts

  • Multilingwiżmu Malti
  • Conspiracy Theories, COVID-Skeptics and Anti-Vaxxers: To Dismiss or to Debate
  • Malta, Before and After Yorgen Fenech’s Arrest: Institutional Murder Cover-up and Struggle for Democracy
  • Our Not So Public Health
  • Why We Should Talk About Racism in Malta

Recent Comments

  1. Mark Camilleri on Link Taxes and Upload Filters Will Not Fix the Internet
  2. Karina on On Regretting Motherhood
  3. Suzie Q on On Regretting Motherhood
  4. Josephine Burden on On Regretting Motherhood
  5. Alicia Said on Bluefin Tuna in Malta: Slime is the Least of the Problems

Copyright © 2025 · Metro Pro on Genesis Framework · WordPress · Log in