• Skip to main content

Isles of the Left

Il-Ballata tal-Gżira Żverġnata

January 24, 2018 by The IotL Magazine 2 Comments

Personalment, naħseb li l-poeżija hi waħda mil-aħjar mezzi biex tesprimi ruħek. Bil-ftit li naf, iddeċidejt li nikteb poeżija bil-Malti għal Malta.

minn Matthew Darmanin

Immaġni minn Isles of the Left

 

b’qalbi sewda rsaqt ‘l hawn
biex insellimlek o art twelidi
qalb iċ-ċitru u l-fjuri mitbiela
gharkuptejja b’demmek f’idi

x’għamilt b’idejja, o Malta tiegħi?
għaliex ġibtek duħħan w’irmied?
it-tweġiba f’qalbi nafha
ir-risposta m’hi xejn ħlief skiet

art pura għaffiġna u żverġnajna
flokha tfajna briks u konkrit
qlajna ruħ u poġġejna magna
u ta’ ġismek ma bqajtx sid

il-marda qerditek u qatlitek
u t-tbatija ma kinitx ftit
bħal Pilatu ħaslu idejhom
dawk maqfula ma’ partit

protesti u għajjat saru
u t-tama bdiet terġa tfeġġ
kollox waqa fuq widnejn torox
u kompla jseħħ is-sagrileġġ

partatnik ma’ borża fidda
biegħna ismek lil briganti
minn gżira żgħira u sabiħa
spiċċajt stat insinjifikanti

mhux għaliex ma bqajtx tissemma
anzi għax issemmejt wisq
bil-ħażen u l-korruzzjoni
ħadd ma xtaqlek aktar risq

funeral jaf ma kellekx
iżda fuq spallitna rfajnik
dawk li semmajna leħinna
li ssilitna kontra t-tifrik

il-kbarat għażlu li jsikktuna
sabiex bwiethom baqa’ jitqal
qatlu l-passat għal preżent
ma ħallewx futur għalina t-tfal

għalkemm tajtek nifsi u demmi
ta’ mewtek xorta għandi ħtija
jaf m’għamiltx il-ġerħa qattiela
madanakollu jisgħobbija

se jkolli nitlaq għażiża Malta
għax il-ħin qed jagħfas sew
sejjer naħdem għal min qatlek
għal dawk li kissruk u nsew

naf li hekk nidher ġakbin
wara li għidt li lilek ngħożż
imma biex ngħajjex lil familti
spiċċajt ngħix f’dal-paradoss

kemm nixtieq noħloq xi ħaġa
li ż-żmien tista’ treġġa lura
biex mil-qiegħ nerġa ngħollik
narak tinbet bħall-isbaħ fjura

fil-passat inħalli ittra
lil dawk li jistgħu jsalvawk
forsi minn dan il-Kalvarju
jirnexxielhom jiskansawk

 

Matthew Attard is a sporadic poet, intrigued by art in all its forms, all whilst being a Mechanical Engineering student at the University of Malta.

Filed Under: More Isles of the Left, Poetry Tagged With: Malta, over-development, poetry

Reader Interactions

Comments

  1. Christian Colombo says

    January 25, 2018 at 12:46

    Prosit Matthew, bicca kitba tajba!

    Reply
    • Matthew Darmanin says

      January 25, 2018 at 13:28

      Grazzi!

      Reply

Leave a Reply Cancel reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Copyright © 2025 · Metro Pro on Genesis Framework · WordPress · Log in