• Skip to main content
  • Skip to primary sidebar

Isles of the Left

Saħħa Mentali u x-Xogħol

June 18, 2018 by The IotL Magazine Leave a Comment

Fi żmien il-valur tal-flus sar importanti ħafna, xi drabi sfortunatament iżjed mis-saħħa tal-ħaddiem anke minħabba is-siegħat twal ta’ ħidma li l-ħaddiem ikollu jaħdem biex jgħix ħajja komda.

by General Workers’ Union – Youths

Image: Pexels

 

[dropcap]K[/dropcap]emm verament neħduh bis-serjetà meta kollega jgħid li xeba’ jaħdem minħabba l-istress u l-ansjetà li qed jaqbduh? Jew kemm-il darba għidna lil kollega tax-xogħol li qed iġibhom bi kbar u li dan biss perjodu qasir li dalwaqt jgħaddi?

Ta’ kull sena l-pulizija joħorġu statistiċi differenti tar-rata ta’ suwicidji f’pajjiżna iżda x’jiswew in-numri meta wara kull figura hemm ħajja ta’ tifel, tifla jew adult li qed tintilef?

F’dawn l-aħħar żminijiet, l-istigma li nitkellmu fuq il-kanċer u fuq mard ieħor bħal donnha qabdet tinkiser tant li sirna naraw diversi programmi fuq il-kura tal-ġisem u reklami li jqajmu kuxjenza dwar wieħed x’jista’ jagħmel biex jipprevjeni ċertu mard u biex ma jibżax jitlob l-għajnuna mal-mument li jħoss xi ħaġa. Per eżempju, f’Ottubru nsegwu ħafna reklami fuq il-kanċer tas-sider bil-kampanja ‘Pink October’ filwaqt li f’Novembru infakkru l-mard relatat mas-saħħa tar-raġel bil-kampanja ‘Movember’ Jekk ngħid li f’dawn l-aħħar snin ma qamitx iżjed kuxjenza dwar il-kura mentali ma nkunx korretta, anke grazzi għall-kampanji li qed jingħataw importanza fosthom l-kampanja #stopstigma fejn in-nies huma mħeġġa jitkellmu fuq problemi ta’ saħħa mentali u jwaqqgħu it-taboo li sa ċertu punt għadha teżisti madwar dawn il-kwistjonijiet. Sakemm ma nibdewx inqisu s-saħħa mentali bħala marda oħra li tista’ tiġi mfejqa b’kura speċjalizzata u speċifika, bħal kull tip ta’ mard ieħor, dan il-bieb tal-azzar kemm kemm jitbexxaq.

L-għarfien dwar it-tipi differenti ta’ mard mentali u kif nistgħu nagħtu l-ewwel għajnuna  nħoss li għadu xi ftit limitat u għalhekk għadna m’aħniex konxji tal-konsegwenzi li wieħed jista’ jgħaddi minnhom kaġun ta’ mard mentali.

Minkejja li xi drabi l-kawża ta’ mard mentali jista’ jkun wieħed ġenetiku, madankollu, ambjent nadif u iktar sikur jirriżulta fi kwalità ta’ ħajja aħjar. Din hija importanti ferm b’mod speċjali fi żmien meta l-valur tal-flus sar ħafna importanti, xi drabi sfortunatament iżjed mis-saħħa tal-ħaddiem anke minħabba is-sigħat twal ta’ ħidma li l-ħaddiem ikollu jaħdem biex jgħix ħajja komda. Minħabba f’hekk, huwa importanti li l-ambjent tax-xogħol ikun wieħed tajjeb biex il-ħaddiema jħossuhom komdi jesprimu s-sentimenti u l-ħsibijiet tagħhom, kemm fit-tajjeb u kemm fil-ħażin. Barra minn hekk, huwa importanti wkoll li l-ħaddiem ikollu ħin adekwat ta’ mistrieħ.

Huwa importanti wkoll li fuq il-post tax-xoghol ikun hemm  mekkaniżmi aċċessibli fejn il-ħaddiem ikun jista’ jitlob l-għajnuna. Fuq kollox, però, kull ħaddiem għandu jkun konxju tal-kollegi tiegħu u tal-problemi li jkunu qed jaħkmu lil dak li jkun. Għalhekk, importanti li jkun hemm iżjed għarfien dwar is-sintomi tal-mard mentali u l-għajnuna li wieħed għandu jagħti mal-mument li jinduna li kollega tiegħu għaddej minn dan iż-żmien diffiċli.

Kull persuna taffaċja stress u ansjetà b’modi differenti. Tista’ tkun l-iktar persuna b’saħħtek iżda mument hażin jiġi fuq kulħadd u affarijiet li forsi f’għajnejn ħaddieħor jidhru żgħar jibdew jidhru daqs l-ikbar muntanja. M’għandniex għalfejn niddejqu nitolbu l-għajnuna. Kulħadd għaddej minn problemi differenti u kulħadd qiegħed jiġġieled il-battalja tiegħu.

Hemm diversi aġenziji fejn wieħed jista’ jsib l-għajnuna fosthom dik tal-Aġenzija Appoġġ bin-numru 179 li joffru servizz bit-telefon erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, Crisis Resolution Malta campaign fuq 9933 9966, Kellimni.com fejn żgħażagħ jistgħu jitkelmu ma’ voluntiera professjonali onlajn fuq il-website taghhom u Richmond Foundation li huma pijunieri f’Malta u joffru servizzi vasti għall kull minn ibati minn xi forma ta’ mard mentali, fuq 2144 0324. Ħaddiema tal-Gvern jistgħu wkoll jattendu Programmi ta’ support lill-impjegati taċ-ċivil li jassistu lill-ħaddiem fil-problemi tax-xogħol u l-ħajja.

 

Filed Under: More Isles of the Left, Society & Politics Tagged With: saħħa mentali, xogħol

Reader Interactions

Leave a Reply Cancel reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Primary Sidebar

Recent Posts

  • Multilingwiżmu Malti
  • Conspiracy Theories, COVID-Skeptics and Anti-Vaxxers: To Dismiss or to Debate
  • Malta, Before and After Yorgen Fenech’s Arrest: Institutional Murder Cover-up and Struggle for Democracy
  • Our Not So Public Health
  • Why We Should Talk About Racism in Malta

Recent Comments

  1. Mark Camilleri on Link Taxes and Upload Filters Will Not Fix the Internet
  2. Karina on On Regretting Motherhood
  3. Suzie Q on On Regretting Motherhood
  4. Josephine Burden on On Regretting Motherhood
  5. Alicia Said on Bluefin Tuna in Malta: Slime is the Least of the Problems

Copyright © 2025 · Metro Pro on Genesis Framework · WordPress · Log in