• Skip to main content

Isles of the Left

“Ix-Xemx Tibki Xortiha fuq Spallet Is-Sema”

April 22, 2019 by The IotL Magazine Leave a Comment

Poeżija ta’ Josef Borg.

Image: Silver gelatin print (colorised) by Raisa Galea

 

 

Soraya

Il-qtar tad-dmugħ ilanġas
u jogħtor fuq sidirha
ħarqilha qalbha
aktar mill-kubrit ta’ lsien il-lifa
li daret dawra tond
għal għonq ġisimha
L-ossiġnu beda jbatti
u l-palpiti naqsu r-ritmu
mal-ġebel irrankat,
minn id il-beraq
jitqanżaħ fuq il-baħar l-iswed.
Id-demm tal-innoċenti
inħass jikwi, jmelles
il-ħaddejn mitfija
bħan-nida fuq il-weraq
mal-għodwa bikrija.
Is-serp li beda jterraq
madwar it-torba sagra
ħakem l-isqra tal-ġdur
ingarżati m’erba’ paġni
mintna tal-pudur.
L-iġbla saru tajjar ħalliem
li jiżboq bħall-qawsalla
mill-baħar l-aħmar
bħalma jittajjar il-ħamiem
illi jwassal aħbar is-sliem.
‘Ssa l-art kanġiet fil-ħmura
ta’ nżul ix-xemx
tibki xortiha
fuq spallet is-sema,
u l-qamar
jokrob magħha
waqt li jfesdaq,
minn ġos-swied
qiegħed jinħema.

 

 

Minn Bejn Is-Snien

Mibżuq minn daru;
il-qanpiena kanun,
ħossu eku
togħmtu ċjanur.
Bixrietu giljottina
tofrogħ qatigħ
miljietu qasira
ħarstu ta’ debbieħ.
Fehmtu ġudizzju
qoxortu żonqrija
saħħtu, deffa
b’missjoni faħxija.
Mistkerrah, xewwiex,
żorr w’ inkejjuż
milsen, qattiel:
meta mhux meqjus.

 

 

Brimba Dinjituża

F’qalbet din l-għanqbuta
tal-eterosoċjali
hemm brimba
tinseġ l-imma
tal-kaos industrijali.
Tinħal f’żirġet ix-xemx
Tal-jum elett
F’nofs ġimgħa
Ħidma mġiddma
Jsakkruha ġo gabinett.
Ħajjitha tnissel tama
Tal-għola kwalita’
Fost l-għagħa
U ċ-ċerimonji
Tisplodi d-dinijta’

 

Josef Borg jifforma parti mill-kumitat festi esterni Ħal Lija kif ukoll jifforma parti mill-kumitat Għaqda Poeti Maltin.

 

Filed Under: More Isles of the Left, Poetry Tagged With: poetry

Reader Interactions

Leave a Reply Cancel reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Copyright © 2025 · Metro Pro on Genesis Framework · WordPress · Log in