• Skip to main content
  • Skip to primary sidebar

Isles of the Left

Il-Kuraġġ li Taqta’ Jiesek

January 18, 2020 by The IotL Magazine Leave a Comment

F’din ir-reċensjoni jinterpreta dawn ir-rakkonti ta’ Mifsud bħala stqarrija xettika kontra kull slogan assolutist u—fuq kollox—bħala att qalbieni ta’ qtigħ il-jies.

minn Kevin Saliba

 

This article was originally published in Illum and republished here with the author’s permission.

 

[dropcap]“[/dropcap]Kien l-aqwa żmien u kien l-agħar żmien…” Hekk jiftaħ ir-rumanz storiku Ġrajja ta’ Żewġt Ibliet ta’ Charles Dickens—ftuħ illi rridu jew ma rridux—l-iżjed illum fi żmienna, ma jistax ma jfakkarniex fi klixè utopika li tul dawn l-aħħar snin ittenniet adnauseum bħala slogan politiku mill-mezzi kollha tax-xandir tal-Gvern tal-ġurnata. Xi wħud, minkejja kollox, emmnuha bis-sħiħ. Xi talin xi ftit inqas. Imbagħad hemm oħrajn li saħansitra jħossu l-ħtieġa li jmeruha, u dan b’ċertu sens ta’ qtigħ il-jies.

Fost dawn insibu lill-kittieb Immanuel Mifsud li minnha għajnu għokritu daqstant li dlonk ħass il-ħtieġa “immedjata” li jistampaha—bħala titlu—fuq l-aħħar ħarġa ta’ novelli tiegħu. It-tmaħħiħ tal-ħassieba u tal-kittieba fuq il-possibbiltà tal-aqwa żmien—u għaldaqstant fuq is-soċjetajiet perfetti—mhix xi ossessjoni ġdida. Biss biss fil-Punent ilha magħna tal-inqas minn żmien il-Greċja tal-Qedem. Maż-żmien din il-viżjoni ħadet diversi forom: fid-dimensjoni politika aktarx fil-biċċa l-kbira din laħqet il-milja tagħha fl-ideoloġiji Hegeljani u Marksisti, f’dik reliġjuża fl-eskatoloġiji ta’ diversi djien Kristjani.

Minkejja l-bosta diverġenzi kbar li jbejnuhom dawn ilkoll isostnu li fl-iżvilupp soċjokuturali tal-ispeċi hemm, żgur mhux forsi, xi mkien fil-ġejjieni, punt tal-waqfa definittiv u aħħari—il-quċċata assoluta tal-evoluzzjoni tal-umanità kollha. Din il-progressjoni lineari timplika mhux biss il-ħolqien tant mixtieq u mistenni tal-aħħar u tal-aqwa għamla ta’ gvern immaġinabbli iżda wkoll, allura, it-tiswir tal-aqwa dinja fost dawk kollha possibbli. Għaldaqstant din in-narrattiva utopika tħaddan fiha wkoll, sintendi, it-tmiem tal-istorja.

 

Immanuel Mifsud Jixħet Dubju fuq l-Aqwa Żmien

Intant kienu bosta l-ħassieba li tul is-snin widdbuna, min b’mod u min b’ieħor, biex noqogħdu b’sebgħa għajnejn minn dawn it-tendenzi fil-ħsieb. Ibda biex wieħed mill-iżjed movimenti dominanti fil-filosofija kontinentali tas-seklu li għadda—voldieri l-Postmoderniżmu—issejjes sewwasew fuq in-nuqqas ta’ twemmin f’dawn il-metanarrattivi totalizzanti.

 

Ma daħalx wisq fi kwistjonijiet purament teoretiċi, iżda deherli li s-sugu ta’ twemminu f’dar-rigward kien proprju dan. Irrimarka wkoll, għaldaqstant, li l-politiċi li jinqdew bi slogan bħal dan ikunu qed juru, qabelxejn, nuqqas ta’ formazzjoni ideoloġika.

 

Bħala kittieb tas-seklu wieħed u għoxrin Immanuel Mifsud minn dejjem wera ruħu konxju minn dan. Komplejt insaħħaħ din l-impressjoni m’ilux meta smajtu jitħaddet f’intervista dwar il-ġabra L-Aqwa Żmien mal-ġurnalista Monique Agius. Dakinhar bħal donnu ta x’jifhem li diparti tiegħu jemmen illi dal-imbierek punt aħħari—jiġifieri l-aqwa żmien—fis-sew ma jista’ jseħħ qatt u qatt. Ma daħalx wisq fi kwistjonijiet purament teoretiċi, iżda deherli li s-sugu ta’ twemminu f’dar-rigward kien proprju dan. Irrimarka wkoll, għaldaqstant, li l-politiċi li jinqdew bi slogan bħal dan ikunu qed juru, qabelxejn, nuqqas ta’ formazzjoni ideoloġika. Mhux biss: ikunu qed juru saħansitra wkoll—u did-darba fuq livell ferm iżjed konkret—nuqqas ta’ sensittività għat-tbatija personali tan-nies.

Madankollu Mifsud donnu pprefera jiskarta l-battibekki tal-filosofi tal-istorja u minflok qata’ kollox fil-qasir billi ffissa kriterju strett għall-aħħar, anzi irraġonevoli: kemm-il darba fis-soċjetà jkun hemm imqar persuna waħda li qiegħda ġġarrab xi għamla ta’ tbatija—iżjed u iżjed jekk din tkun materjali—ebda gvern ma jista’ jistqarr illi jkun tabilħaqq wassal lill-poplu tiegħu għall-aqwa żmien.

Bi stqarrijiet u b’narrattivi bħal dawn, almenu skont il-fehim tiegħi, Mifsud mhux biss igiddeb il-fattibbiltà tal-iżmi universali kollha ta’ darna iżda jibqa’ jibqa’ sa ma jxejjen ukoll—u dan b’ċerta “rabja”—il-kredibbiltà ta’ kwalunkwe metanarrattiva lokali, tiġi mnejn tiġi. Għax ngħiduha kif inhi: kif nistgħu naslu f’punt fejn, imqar fl-iċken komunità, ma jkun hemm qatt ebda ħjiel ta’ xi tbatija? Din il-logħba impossibbli.

 

…Iżda ilu Jilgħab dil-Karta

Immanuel Mifsud ilu jilgħab dil-karta—bħal donnu biex jixħet il-ġolli—tul kważi tletin sena sħaħ, sewwasew sa mill-ewwel ġabra ta’ novelli tiegħu Stejjer ta’ Nies Koroh. Forsi wieħed jista’ jinterpreta l-ġabra L-Aqwa Żmien—l-iżjed meta jqis l-isfond tat-ton trijunfanti li ħakem bla hedu d-diskorsi politiċi f’pajjiżna għajr f’dawn l-aħħar ġimgħat—bħala sensiela oħra ta’ stejjer li ma kellhomx jinkitbu: familji b’ġenitur wieħed li għax ma jifilħux iħallsu l-kera jisfgħu jgħixu f’karozza jew f’garaxx.

Nisa li jħallsuha b’xogħlijiet skabrużi għax ma jistgħux jagħmlu mod ieħor. Tfal intimidati fl-iskejjel għax mhumiex bħall-bqija. Adoloxxenti mħassbin bid-dehra tagħhom. Żgħażagħ imkexkxa mill-midja soċjali. Adulti imbevuti b’sentimenti razzisti. Immigranti ttrattati bħal donnhom biċċiet tal-art, saħansitra maqtula kiesaħ u biered, hekk għall-gost, fis-satra tal-lejl. Vittmi ta’ attakki terroristiċi insensati. Nies stmati ta’ oġġetti. Impjegati talment imxabba’ b’xogħolhom li ma jsibu rpar imkien ħlief fl-għira, fil-paranojji u fl-illużjonijiet ta’ dinjiet irreali, bħal-logħob virtwali u l-pornografija. Nies li ma jistgħux iġerrgħu l-firda mill-persuni li b’xi mod iridu jħobbu, tizji oħrajn imtertqa minn kumplessi u inċertezzi sesswali—il-famużi maħbubin midruba. Awtoritajiet insidjużi u nemmiesa. Talin ansjużi mifnijin b’bosta biżgħat u irrazzjonali, saħansitra b’diżordnijiet agrofobiċi.

U intant mhemmx li l-allat u l-qaddisin jaqilgħulna xi grazzja.

 

Il-moviment tal-Aqwa Żmien Ħati Wkoll

Dana kollu jiżvolġi, kif ikkummentat l-attivista Dr Claire Bonello, “fl-isfond tax-xampanja u l-ġid tas-soċjetà super surplus.” F’dan ir-rigward diffiċli tkun apoloġetiku: hawnhekk f’pajjiżna, akkont, b’das-Soċjaliżmu tax-xampanja—b’dal-varjant fuq it-Terza Vija—f’bosta oqsma ftit li xejn qtajna sandar. Minkejja ċerti avvanzi soċjali u ċivili nibqa’ nemmen illi dal-Gvern Laburista—dal-moviment tal-aqwa żmien—jaħti ħafna u bil-kbir għal bosta għawġ li ġie fuqna sforz ir-rikba li rikeb fuq il-karru tal-politiki diżumani tan-Neoliberaliżmu. Għandi nifhem li din hija wkoll il-fehma ta’ Bonello u ta’ Mifsud. Iżda xampanja u mhux, biex jingħad kollox, dil-mistoqsija mbagħad tiġi waħidha: tista’ qatt xi darba dil-qagħda mwiegħra tal-kundizzjoni umana tinqered għalkollox jekk, għas-saħħa tal-argument, għad xi darba tfeġġ tmexxija b’wiċċ tabilħaqq uman? Xi Soċjaliżmu ieħor ġdid? Xi filosofija oħra?

 

Minkejja ċerti avvanzi soċjali u ċivili nibqa’ nemmen illi dal-Gvern Laburista—dal-moviment tal-aqwa żmien—jaħti ħafna u bil-kbir għal bosta għawġ li ġie fuqna sforz ir-rikba li rikeb fuq il-karru tal-politiki diżumani tan-Neoliberaliżmu.

 

Ħożżha fl-ilma: ngħid għalija nemmen li le. Tittaffa forsi, iżda le tinqered. Is-soluzzjonijiet għall-ġrajjiet traġiċi tagħna lkoll mhux kollha jinsabu fl-ekonomija u fil-politika. Niġu f’dan, għal dawn mhux dejjem ikunu bilfors jaħtu l-politiċi lanqas. F’dar-rigward ma nistax ma niftakarx f’Herbert Marcuse li kien irrimarka tajjeb ferm illi “mhux kull saram li jista’ jinqagħlalek mas-sieħba tiegħek ikun bilfors kaġun tal-modalità kapitalista tal-produzzjoni.” Għandi nifhem li fil-fond nett Mifsud iħaddan ukoll dan l-istess kredu, jipprova kemm jipprova jżomm ’il bogħod mid-“dnub mejjet” li jaqta’ l-jies ta’ ċerti attivisti ġenwini li jemmnu fil-possibbiltà ġejjiena tal-bidliet radikali u li forsi anke jittamaw li b’riformi bħal dawn—dejjem jekk qatt kellhom iseħħu—nistgħu saħansitra nġarrfu kull għamla ta’ traġedja.

 

‘Qed Ngħixu fit-Tifrik’

Forsi mhux ta’ b’xejn, allura, li Mifsud għażel li fil-ġabra L-Aqwa Żmien jiġbdilna l-attenzjoni għall-ktieb tal-ħassieb Christopher Hamilton A Philosophy of Tragedy. U dan għax in-novelli li nsibu f’din il-ġabra jfakkruna—bħal dan ix-xogħol ta’ Hamilton—li “qed ngħixu fit-tifrik.” Li l-filosofija trid illi d-dinja tagħmel sens mentri t-traġedja tibqa’ tisħaq illi din ma tagħmilx. Li l-ħaqq Kristjan dwar id-diżgrazzja tagħna huwa minnu, iżda li minnu wkoll li s-setgħa fejjieda tiegħu ilha li ntfiet għomor. Li l-ispjegi metafiżiċi huma biss sistemi kumplessi u qarrieqa minsuġa bit-tama li jiċħdu veritajiet sempliċi u evidenti. Li jiġri x’jiġri dil-kundizzjoni tagħna ser tkompli tibqa’ traġika u li dejjem ser nibqgħu nħossu li did-dinja mhix darna. Li ormaj m’għad fadlilna xejn x’nagħmlu għajr li nistabru b’rappreżentazzjonijiet sublimi ta’ ġrajjiet iwaħħxu jonkella—ferm agħar minn hekk—li niftaħru bi slogans politiċi fiergħa.

Dickens kien issokkta l-ftuħ tar-rumanz tiegħu billi qalilna li “l-aqwa żmien” kien ukoll “l-agħar żmien”. Li “r-rebbiegħa tat-tama” kienet ukoll—oħroġ il-għaġeb—“ix-xitwa tal-qtigħ il-jies”. Madankollu fi qtigħ il-jies li jwassal Mifsud fil-ġabra L-Aqwa Żmien hemm ukoll ċerta qlubija. Hemm l-almu li tiċħad ir-rimedji għaġġelija. Hemm ir-rieda li tibqa’ tfannad. Li tibqa’ taħseb sal-aħħar. Anzi, sal-aħħar nett. Hemm il-kuraġġ tal-qtigħ il-jies. Il-kuraġġ li wieħed jagħraf—kif iħobb jgħidilna l-filosofu Slavoj Žižek—li d-dawl f’tarf il-mina aktarx mhuwa xejn għajr il-fanal ta’ tren li kulma jmur qed joqrob joqrob lejna.

Kevin Saliba is a translator proficient in Maltese, Italian and French languages.

 

Filed Under: More Isles of the Left, Panem et Circenses, Society & Politics Tagged With: literature, neoliberalism, review

Reader Interactions

Leave a Reply Cancel reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Primary Sidebar

Recent Posts

  • Multilingwiżmu Malti
  • Conspiracy Theories, COVID-Skeptics and Anti-Vaxxers: To Dismiss or to Debate
  • Malta, Before and After Yorgen Fenech’s Arrest: Institutional Murder Cover-up and Struggle for Democracy
  • Our Not So Public Health
  • Why We Should Talk About Racism in Malta

Recent Comments

  1. Mark Camilleri on Link Taxes and Upload Filters Will Not Fix the Internet
  2. Karina on On Regretting Motherhood
  3. Suzie Q on On Regretting Motherhood
  4. Josephine Burden on On Regretting Motherhood
  5. Alicia Said on Bluefin Tuna in Malta: Slime is the Least of the Problems

Copyright © 2025 · Metro Pro on Genesis Framework · WordPress · Log in