• Skip to main content
  • Skip to primary sidebar

Isles of the Left

Bejn Gwarniċ u Ieħor fi Truf il-Essri

February 5, 2020 by The IotL Magazine Leave a Comment

Fil-versi ta’ Grech Ganado, b’mod partikulari f’din il-ġabra, il-qarrejja impenjati faċilment jistgħu jilmħu l-ilħna mkissra ta’ kittieba bipolari bħal Sylvia Plath, Annie Sexton, Dorothy Parker u Virginia Woolf.

minn Kevin Saliba

Il-Pittura: Displacement 1 minn Elena Giorgi (dettall)

 

This article was originally published in Illum and republished here with the author’s permission.

 

[dropcap]“[/dropcap]of course it’s frightening—/ a frame of mind that oversteps / all that it meets can’t help but be—can it?” Aktarx mhux possibbli trodd f’xi lsien ieħor dawn l-ewwel versi tal-ġabra Framed tal-poetessa Maria Grech Ganado. Il-Malti jagħtik xi ħaġa hekk: “dażgur li tal-waħx. Burdata li tisboq kulma tiltaqa’ miegħu ma tistax tkun mod ieħor, mhux hekk?”

Primavista tista’ tingħadd  b’valida, iżda biss sakemm nintebħu li f’din l-interpretazzjoni d-double-entendre poetiku frame/frame of mind jintilef. Il-veru każ, bħalma qalilna Robert Frost, li l-poeżija tintilef fit-traduzzjoni. Ibda biex fil-Malti l-kelma frejm tiddenota gwarniċ iżda mhux burdata. L-Ingliż tal-poetessa madankollu hawnhekk jiddenotahom it-tnejn fl-istess nifs, għal t’apposta, sabiex jixħet dawl fuq il-multiċiplità—minn xi daqqiet tkexkex—li tgħaġen il-jien imbiċċeċ ta’ Grech Ganado.

Għal darb’oħra, mill-ġdid wara l-ġabra Taħt il-Kpiepel t’Għajnejja, kellha tkun l-artista Elena Giorgi li tnebbaħ lil Grech Ganado billi tipprovdilha sfond viżwali ieħor għall-ħsus poetiċi tagħha. Din id-darba permezz ta’ figura mxerrħa ta’ mara li tidher fil-fotomontaġġ tagħha Displacement 1: figura ta’ mara mxerrħa, minn qaddha ’l isfel bilqiegħda fuq sufan bi gwarniċ battal fuq ħoġorha, minn qaddha ’l fuq ftit ’il bogħod ġo gwarniċ ieħor imdendel mal-ħajt.

 

Għal darb’oħra, mill-ġdid wara l-ġabra Taħt il-Kpiepel t’Għajnejja, kellha tkun l-artista Elena Giorgi li tnebbaħ lil Grech Ganado billi tipprovdilha sfond viżwali ieħor għall-ħsus poetiċi tagħha.

 

Dawn l-ispostamenti tal-essri joħorġu minnufih fid-dieher mal-ewwel versi msemmija tal-poeżija Framed—poeżija li flimkien mal-poeproża simbolika tan-narrattiva Inside William tiġbor fiha bis-sħiħ il-biċċa l-kbira tal-elementi letterarji, filosofiċi u psikokliniċi li jsawru l-oqfla tematiċi ta’ din il-ġabra stonkuża. Din il-firda bejn diversi jinijiet diverġenti li madankollu jgħammru għalenija—f’inkwatri differenti iżda f’kewn wieħed—għandha mnejn tfakkar lill-qarrejja ġenerali fir-rakkont popolari ta’ Dr Jekyll u s-Sur Hyde. Iżda diparti tiegħi, mingħajr ma nnaqqas xejn mill-preġju tan-novella ta’ Stevenson, nemmen li l-punti ta’ referenza ta’ Grech Ganado jmorru ħafna iżjed lil hinn mill-istħajjil tal-awtur Skoċċiż. Huma qabelxejn ferm iżjed reali u ferm iżjed serji.

Fil-versi ta’ Grech Ganado, b’mod partikulari f’din il-ġabra, il-qarrejja impenjati faċilment jistgħu jilmħu l-ilħna mkissra ta’ kittieba bipolari bħal Sylvia Plath, Annie Sexton, Dorothy Parker u Virginia Woolf. Possibbilment ukoll dak ta’ Doreen Micallef Chritien. Wieħed jista’ jaqra dwar l-għaġna psikoloġika ta’ dawn il-poeti fil-ħidma akkademika notevoli tal-psikologa klinika bipolari Kay Redfield Jamison, b’mod partikulari fl-istudju Touched with Fire: Manic-Depressive Illness and the Artistic Temperament. L-attur u kittieb Stephen Fry—persuna bipolari huwa wkoll—ftit tas-snin ilu kien spjega tajjeb ħafna id-dinamiċi paradossali ta’ din il-kundizzjoni fid-dokumentarju The Secret Life of the Manic Depressive. Ftit xhur ilu Grech Ganado reġgħet tat ħjiel inekwivoku rigward il-qagħdiet turbulenti li ġġarrab fil-menti—voldieri żbalzi estremi fl-umur—f’intervista pubblika mar-riċensur Patrick Sammut.

 

Fil-ġabra Framed Grech Ganado tistqarr dan kollu b’ċerta ħila konfessjonali—hija u tfeġġ daqqa fi gwarniċ u daqqa f’ieħor—tul madwar mija u sittin paġna, b’mod speċjali fin-novella Inside William.

 

Fil-ġabra Framed Grech Ganado tistqarr dan kollu b’ċerta ħila konfessjonali—hija u tfeġġ daqqa fi gwarniċ u daqqa f’ieħor—tul madwar mija u sittin paġna, b’mod speċjali fin-novella Inside William. L-intier tal-jien ta’ din id-dar imsejħa William hija msawra minn żewġ personalitajiet koeżistenti b’tendenzi kuntrarji: Bill u Will—tal-ewwel jippersonifika r-Raġuni, tat-tieni l-Immaġinazzjoni.

Hija dar bi tliet twieqi; kull tieqa tista’ tingħadd b’apertura—jew jekk niġu f’dan gwarniċ—distint li jagħti għal fuq u għal ġewwa d-dinja. L-ewwel gwarniċ juri dak li xi ftit jew wisq jara kulħadd. It-tieni dak li jippreferi jara Bill permezz tar-Raġuni. Hemmhekk kull oġġett jidher differenti minn ieħor, iżda kull ħaġa titpoġġa f’paragun valutattiv fejn kwalunkwe fenomenu jenħtieġ bilfors jitqies aħjar jew agħar minn ieħor. It-tielet gwarniċ hija d-dinja ta’ Will fejn għad illi kollox xorta jibqa’ jidher differenti, il-ġudizzji dwar il-valur inerenti ta’ dika l-ħaġa jew l-oħra jitħallew f’idejn il-kejl tal-adulti. Minn dak il-gwarniċ tal-Immaġinazzjoni d-dinja tfeġġ fid-dieher bħalma tidher f’għajnejn it-tfal.

 

Hija dar bi tliet twieqi; kull tieqa tista’ tingħadd b’apertura—jew jekk niġu f’dan gwarniċ—distint li jagħti għal fuq u għal ġewwa d-dinja.

 

Ma niskantax jekk l-isem William hawnhekk fis-sew mhuwiex tismija sempliċement inċidentali. L-istħajjil, il-logħob bil-kliem, il-validazzjoni tal-opposti, it-tiftixa għal perċezzjoni usa’, il-kunflitti bejn l-innoċenza u l-esperjenza u t-tensjonijiet bejn l-eċċess u r-rażan u mhux l-inqas it-tixniq għall-beraħ u għad-dwiem xi minn daqqiet għandhom ħafna mill-poeżija ta’ William Blake.

Hu x’inhu, id-diżgwid li jġibu magħhom dawn l-iskontri bejn Will u Bill jiskala sal-punt li d-dar ta’ William—u allura wkoll il-psike ta’ Grech Ganado—maż-żmien tisfa’ f’diżordni ddoqq l-iskotti. Kulma jmur bejn gwarniċ u ieħor jirrankaw sintomi ħarrieba bħan-nuqqas ta’ funzjonament, ir-riżentiment, it-tmasħir, l-istmellija xulxiena, l-iżolament u s-solitudni. Dan id-diżgwid fil-ġewwieni, skont din-narrattiva, iseħħlu biss iżomm allalarga mill-psikożi meta l-effetti kollaterali ta’ dawn l-ispostamenti bipolari fil-jien jibdew jinħonqu sakemm fl-aħħar jintradmu qajl qajl taħt il-madmad tan-nisi.

Iżda donnu d-diżordni fi Framed xorta tibqa’ tippersisti, tant li xxekkel il-mod kif il-kewn is-soltu jseħħlu jkampa mal-fatt li safa mwaddab hekk addoċċ u għal għarrieda fil-fattiċità tal-continuum spazju-temporali għaddieni ta’ did-dinja. Fil-bidu nett tal-ġabra Grech Ganado għażlet li tinkwadradil-qagħda mwiegħra tagħha fin-nozzjoni eżistenzjalista tal-kewn-fi-sfiegħ-ix-xħit (Gowerfenheit)—kunċett li wara l-lamentazzjonijiet ta’ Søren Kierkegaard sab il-milja sħiħa tiegħu fir-riflessjonijiet bikrin ta’ Martin Heidegger.

Għaldaqshekk l-ispostamenti bejn gwarniċ u ieħor—ossija d-disturbi estremi tad-dipressjoni bipolari – f’din il-ġabra jingħataw sa minn ġuf ommhom tuffatura oħra nobis, ġaladarba dat-taqlib imqanqal fil-burdati saħansitra jiżvolġi lil hinn mill-kif u l-kome u mill-kunsens u r-rieda ħielsa tal-kewn innifsu.

 

F’din l-iskema alternattiva l-ispostament li jagħti lok għall-veduta li josserva Will mit-tielet tieqa—u għaldaqstant il-qagħda ta’ Grech Ganado nfisha—ma tridx wisq biex fis-sew mhija xejn għajr reazzjoni sana kontra l-esiġenzi insensati tad-dinja.

 

Biex nissokta norbot ma’ Heidegger, fin-nofs hawnhekk tassew hemm is-sogru ontoloġiku imminenti li l-kewn skunċertat bħal dan—ġa minnu nnifsu instabbli u psikoloġikament indifiż—jisfa saħansitra tturfnat u mrassas “fi truf il-Essri.” Stati mentali bħal dawn ftit deċennji ilu qrajna dwarhom, ngħidu aħna, fil-kitbiet kontroversjalissmi ta’ David Cooper u b’mod partikulari fil-manifest antipsikjatriku The Divided Self ta’ Ronald David Laing.

F’dan ix-xogħol Laing għaraf, minn banda, li jien daqstant mifrud bejn gwarniċ u ieħor f’għajnejn in-nies abbli bilkemm ikun viżibbli u żgur jħoss illi qed jgħix biss “fi truf il-Essri”. Mill-banda l-oħra, madankollu, kien azzarda jisħaq li din l-insigurtà ontoloġika difatti hija difiża soda kontra t-telfien tal-jien.

F’din l-iskema alternattiva l-ispostament li jagħti lok għall-veduta li josserva Will mit-tielet tieqa—u għaldaqstant il-qagħda ta’ Grech Ganado nfisha—ma tridx wisq biex fis-sew mhija xejn għajr reazzjoni sana kontra l-esiġenzi insensati tad-dinja. Minkejja l-furur li tali pożizzjoni baqgħet tqajjem fil-komunità psikjatrika—l-iżjed fost id-diriġenti tal-Assoċjazzjoni Psikjatrika Amerikana—il-moviment antipsikjatriku baqa’ jżomm sħiħ fil-fehma saħansitra fi żmienna, l-iżjed permezz tal-ħidma bla hedu ta’ Thomas Szasz u Bonnie Burstow.

Intant ħadd mit-tnejn mhu kuntent: la Bill u wisq anqas Will. Mhux lakemm tbassar kif ser tintemm dil-gażiba.

Il-ġejjieni ta’ William jibqa’ mhux magħruf, saħansitra fin-novella ta’ Grech Ganado. Minkejja kollox, akkont, forsi jkun aħjar li kollox jibqa’ jingħex proprju hekk: bejn gwarniċ u ieħor fi truf il-Essri.

Hemmhekk it-tiftixa tibqa’ għaddejja, u meta din tasal fi tmiemha – kif qalilna T.S. Eliot – nerġgħu nsibu ruħna fil-punt tat-tluq u nsiru nafuh għall-ewwel darba.

Kevin Saliba is a translator proficient in Maltese, Italian and French languages.

 

Filed Under: Panem et Circenses Tagged With: mental health, poetry, saħħa mentali

Reader Interactions

Leave a Reply Cancel reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Primary Sidebar

Recent Posts

  • Multilingwiżmu Malti
  • Conspiracy Theories, COVID-Skeptics and Anti-Vaxxers: To Dismiss or to Debate
  • Malta, Before and After Yorgen Fenech’s Arrest: Institutional Murder Cover-up and Struggle for Democracy
  • Our Not So Public Health
  • Why We Should Talk About Racism in Malta

Recent Comments

  1. Mark Camilleri on Link Taxes and Upload Filters Will Not Fix the Internet
  2. Karina on On Regretting Motherhood
  3. Suzie Q on On Regretting Motherhood
  4. Josephine Burden on On Regretting Motherhood
  5. Alicia Said on Bluefin Tuna in Malta: Slime is the Least of the Problems

Copyright © 2025 · Metro Pro on Genesis Framework · WordPress · Log in