• Skip to main content
  • Skip to primary sidebar

Isles of the Left

Il-Pesta tas-Soċjetà Moderna

June 10, 2020 by Kurt Borg Leave a Comment

Filwaqt li nifhem li din il-pandemija ġabet magħha diffikultajiet ġodda, urietna b’mod iktar ċar ix-xquq li kienu diġà preżenti fis-sistema ekonomika u politika dominanti qabel inqala’ dan kollu.

minn Kurt Borg

Il-Pittura: Skull in a Landscape, Edward Burra

 

[dropcap]S[/dropcap]a ftit xhur ilu, ħadd ma kien realistikament ibassar li se naffaċjaw pandemija li kienet se ġġib l-ekonomija globali għarkuptejha. Però, u ma rridx inkun kontroversjali, din il-pandemija ma biddlet kważi xejn minn kif konna għaddejin qabel faqqgħet. X’iġifieri?

Il-virus tal-COVID-19 kompla jikxef b’mod iktar apert virus soċjali li ilu snin jipperikola l-ħajjiet tan-nies. Qed nirreferi għas-sistema ekonomika li tiddetermina l-prioritajiet politiċi li jiddominaw is-soċjetajiet Ewropej, inkluż f’Malta. Qed nirreferi għall-klima neoliberali li ngħixu fiha mibnija fuq kapitaliżmu aċċellerat u loġika ta’ kompetizzjoni, li jħarsu biss lejn profitti, tkabbir ekonomiku, suq ħieles, u joħolqu relazzjoni intima u perikoluża bejn intrapriżi kbar u l-politika.

Din hi s-sistema li ngħixu fiha, li hi l-kawża diretta ta’ numru ta’ pjagi soċjali li komplew jiggravaw u jidhru b’mod sfaċċat f’dawn iż-żminijiet ta’ kriżi. Infatti, din l-istess sistema tkompli ssaħħaħ lilha nnifisha billi tfittex li—litteralment—tikkapitaliza minn kull kriżi li l-umanità ssib ruħha fiha. Dak li jagħmel din is-sistema ekonomika u politika daqstant diffiċli biex tattakkaha u tirreżistiha hija appuntu l-kapaċità li għandha li tittrasforma u tinkorpora għal gwaddan tagħha fatturi li jistgħu jisfidawha.

 

Din hi s-sistema li ngħixu fiha, li hi l-kawża diretta ta’ numru ta’ pjagi soċjali li komplew jiggravaw u jidhru b’mod sfaċċat f’dawn iż-żminijiet ta’ kriżi.

 

L-ikbar krudiltà ta’ din is-sistema hija li l-mod kif tkisser il-valur tal-ħajja umana. Din hija paradossali għax, filwaqt li din is-sistema hija meqjusa bħala x-xempju ta’ soċjetà żvillupata (speċjalment wara l-gwerra bierda), hija din l-istess sistema li b’mod dirett tipperikola ċertu ħajjiet, tipprioritizza ħajjiet fuq oħrajn, u tagħmilha eħfef għal xi wħud li jgħixu waqt li tagħmilha impossibli għal oħrajn li jeżistu.

Din is-sistema mhux talli ma ġġarrfitx b’din il-pandemija, iżda talli kompliet tissaħħaħ. Innutaw kif, ftit jiem biss wara li feġġ dan il-virus f’pajjiżna u bdejna naraw l-introduzzjoni tal-ewwel restrizzjonijiet, id-diskors ekonomiku mill-ewwel beda jirrenja.

Filwaqt li n-nies kienu għadom qed jirreaġixxu b’xokk għal dak li kien qed jiżviluppa, l-uffiċjali tal-kummerċ malajr libsu l-ġlekk u l-ingravata, ħarbxu r-rapporti dwar l-aspettativi tagħhom u, b’arja liema bħalha, pretendew li jistgħu jżommu l-gvern ostaġġ u jobbligaw lilna li nħallsu t-taxxi biex noħorġu għonqna għalihom. Bi dritt ippretendew li, jekk kulħadd kellu jintlaqat b’mod negattiv minn din il-pandemija, huma jkunu dawk li ma jintmessux minn dawn il-problemi tal-‘popolin’.

Dawn huma l-istess nies li jridu jikkonvinċuna li hu għal ġid tagħna li nħalluhom itellgħu lukanda b’sitt stilel u li jeħtieġ intuhom l-art bl-irħis. Dawn huma l-istess nies li qalulna ngawdu x-xemx tal-profitt ġaladarba qegħda tiżreġ. U tiżreġ għadha, għax bin-nies maqfulin ġo darhom, it-tħaffir ma jaqtax u bosta nies għadhom jistaportu din l-iskumdità kbira waqt li tittella’ blokka wara oħra.

Ħalli niftehmu sew: bl-ebda mod ma jien qed nipponta subgħajja lejn sidien ta’ negozji żgħar li, mil-lum għal għada kellhom jagħlqu l-ħanut tagħhom, tilfu ħafna flus jew saħansitra tilfu xogħolhom, sabu ruħhom ibatu biex ilaħħqu mal-kera u jitimgħu l-familji tagħhom. Qalbi toħroġ għal dawn in-nies; l-istess qalb li tħabbat b’rabja lejn l-aġenti kapitalisti li qed jisfruttaw din il-kriżi. Ħa nagħti xi eżempji.

L-impjiegi u x-xogħol huma l-mod kif ħafna minna nistgħu ngħixu u nkampaw ġos-soċjetà. Naturalment, mhux kull impjieg huwa l-istess. Filwaqt li wħud qegħdin f’impjieg sikur u jistgħu jaħdmu fil-kumdità, oħrajn għandhom impjiegi prekarji. Ma rridux inħarsu biss lejn il-persentaġġ ta’ qagħad ta’ pajjiż iżda lejn il-kwalità t’impjiegi li jeżistu. Uħud jaħdmu ħafna iktar sigħat minn kemm suppost, u filwaqt li xi pajjiżi qed jitkellmu dwar erbat ijiem ta’ xogħol fil-ġimgħa (flok ħamsa), oħrajn dejjem iżidu s-sigħat ta’ xogħol u jnaqqsu d-drittijiet tal-ħaddiema. Dan iwassal għal bosta inċidenti li naraw iseħħu fuq postijiet ta’ xogħol—imwiet kapitalisti.

F’din il-pandemija, din ir-realtà qed narawha b’mod iktar dirett. Filwaqt li wħud jistgħu u ‘jaffordjaw’ jaħdmu mid-dar u għandhom l-impjieg u l-paga tagħhom sikuri, ħaddiema oħra madwar id-dinja ‘żviluppata’ m’għandhomx l-istess drittijiet ta’ protezzjoni u saħansitra jkollhom jaħdmu (uħud mingħajr ma jingħataw l-apparat protettiv neċessarju, ma jmurx min iħaddem jitlef xi ċenteżmu żejjed) u jipperikolaw ħajjithom. Qed ngħixu f’dinja fejn għalkemm kulħadd se jmut, uħud huma iktar esposti għall-mewt minn oħrajn.

 

Qed ngħixu f’dinja fejn għalkemm kulħadd se jmut, uħud huma iktar esposti għall-mewt minn oħrajn.

 

Din hi l-politika tal-ħajja u l-mewt li tirrenja s-soċjetajiet moderni. Nistgħu nsaqsu mistoqsija simili dwar il-vittmi tal-COVID-19: hemm korrelazzjonijiet bejn ir-rata t’infezzjoni jew mwiet u l-kuntest soċjali li l-vittmi kienu jgħixu fih?

Nerġa’ ngħidha: din il-pandemija ma biddlitx wisq dwar is-soċjetà li ngħixu fiha; anzi, kompliet turina b’mod ċar il-problemi serji fis-suppost ‘normalità’ li kienet qed tirrenja qabel il-pandemija. Per eżempju: qed isir ħafna diskors dwar il-‘vulnerabbli’ (bħallikieku hawn xi ħadd li hu assolutament invulnerabbli). Però, dawn il-gruppi soċjali dejjem jintlaqtu ħażin, bil-pandemija jew mingħajrha: l-anzjani, persuni b’mard kroniku, persuni b’diżabilità, persuni bi kwistjonijiet ta’ saħħa mentali, persuni li jħossuhom waħedhom mingħajr relazzjonijiet soċjali; vittmi ta’ vjolenza domestika, eċċ. Din il-pandemija kompliet turina kemm il-politika li tirrenja s-soċjetà tagħna fadlilha ħafna x’tagħmel biex tiggarantixxi l-ugwaljanza u l-inklużjoni ta’ kull membru tas-soċjetà.

In-normalità li kienet tirrenja qabel il-pandemija rajniha tkompli timmanifesta ruħha fil-mod kif pajjiżna rreaġixxa għad-dgħajjes b’immigranti. Dażgur li hija kumplessa s-sitwazzjoni; dażgur li huwa inġust il-mod kif l-Unjoni Ewropea mhijiex turi solidarjetà. U sfortunatament dan mhuwiex sorpriża, għax l-Unjoni li l-UE tgħid li hi hija propju Unjoni Neoliberali li primarjament tiggarantixxi l-istatus quo kapitalist. Intant, kumpaniji privati tad-dgħajjes jiġġieldu dwar min se jingħata l-opportunità jaqla’ lira minn din it-traġedja umana. Il-flus qabel il-ħajja.

 

Kumpaniji privati tad-dgħajjes jiġġieldu dwar min se jingħata l-opportunità jaqla’ lira minn din it-traġedja umana. Il-flus qabel il-ħajja.

 

Minflok jipprova joħroġ ta’ bully u macho, ikun aħjar li l-gvern Malti jaqbad il-barri minn qrunu u jipponta subgħajh, mhux lejn l-immigranti bla saħħa bejn sema u ilma, imma lejn il-qafas ekonomiku u politiku li hu l-problema vera. U jekk il-politiċi ma joqogħdux attenti u kawti fil-mod kif jużaw id-diskors, ikunu qed jissugraw polarizzazzjoni perikoluża ħafna li ma twassal għal xejn ħlief mibgħeda distruttiva.

Biex nagħlaq, filwaqt li nifhem li din il-pandemija ġabet magħha diffikultajiet ġodda, urietna b’mod iktar ċar ix-xquq li kienu diġà preżenti fis-sistema ekonomika u politika dominanti qabel inqala’ dan kollu. Kif jgħidu xi teoristi politiċi, kultant huwa iktar faċli li nimmaġinaw tmiem id-dinja milli t-tmiem tal-kapitaliżmu.

Filed Under: Society & Politics Tagged With: COVID-19, democracy, migration

Reader Interactions

Leave a Reply Cancel reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Primary Sidebar

Recent Posts

  • Multilingwiżmu Malti
  • Conspiracy Theories, COVID-Skeptics and Anti-Vaxxers: To Dismiss or to Debate
  • Malta, Before and After Yorgen Fenech’s Arrest: Institutional Murder Cover-up and Struggle for Democracy
  • Our Not So Public Health
  • Why We Should Talk About Racism in Malta

Recent Comments

  1. Mark Camilleri on Link Taxes and Upload Filters Will Not Fix the Internet
  2. Karina on On Regretting Motherhood
  3. Suzie Q on On Regretting Motherhood
  4. Josephine Burden on On Regretting Motherhood
  5. Alicia Said on Bluefin Tuna in Malta: Slime is the Least of the Problems

Copyright © 2025 · Metro Pro on Genesis Framework · WordPress · Log in