F’seklu li fih il-kelma saret aktar importanti u kultant aktar irħisa minn qatt qabel, l-użu attent, mirqum tal-lingwa sar investiment importanti. Minkejja l-geġwiġija ta’ diskors li nisimgħu u naqraw il-ħin kollu fuq it-tagħmir elettroniku tagħna, dawk li kapaċi jużaw il-lingwa b’mod effettiv u sabiħ jispikkaw. Aktarx jagħmlu aktar ħoss dawk li jisplodu l-murtali tad-diskors. Imma n-nar tagħhom jintefa malajr u jibqa’ n-nar ta’ dawk li l-ħuġġieġa tagħhom bnewha bil-galbu.
F’Ottubru li għadda, Mario Xuereb talabni ftit kummenti fuq il-funzjoni tal-ilsien Malti f’ħajjitna llum. U fil-futur. Kien qed jaħdem fuq dokumentarju dwar l-imgħoddi, il-preżent u l-ġejjieni tal-Malti u tkellimna kemm-il darba fuq is-suġġett qabel ma ltqajna l-Università għall-filming. Il-mistoqsija ewlenija li talabni nwieġeb kienet dwar l-utilità tal-Malti. X’nambuh fis-seklu 21, f’Malta li fiha jgħixu u jaħdmu nies minn kontinenti b’kulturi lingwistiċi differenti?
Il-Lingwa Li Titrabba Fik
Meta kont tifel, ommi u missieri riduna nitkellmu bl-Ingliż. Kienu jemmnu li bl-Ingliż tikseb edukazzjoni tajba u ssir nies. Investew ħajjithom u saħħithom fl-edukazzjoni tagħna. U ttrażmettewli l-imħabba għat-tagħlim. Fuq il-lingwa għamlu l-għażla ta’ ħafna familji fis-soċjetajiet kolonjali u postkolonjali li jagħtu prominenza lil-lingwa tal-kolonizzaturi, tal-kultura “superjuri,” tal-edukazzjoni. Bħal dejjem għamlu dak li dehrilhom li seta’ jgħinna biex nirnexxu fil-ħajja permezz tat-tagħlim u l-kapital soċjali u kulturali li sikwit hu marbut miegħu.
Fl-ewwel rumanz memorabbli tagħha White Teeth, Zadie Smith tirrakkonta l-istorja ta’ tewmin, ulied immigranti, f’Londra: missierhom, mill-Bangladesh, ried jibgħat lit-tnejn li huma l-Bangladesh biex jitgħallmu “l-kultura awtentika” tal-art tal-antenati tagħhom. Imma ma kellux biżżejjed flus u għalhekk seta’ jibgħat wieħed biss, bil-għan li almenu wieħed minnhom ikun trawwem fil-kultura ta’ missieru. Imma waqt li t-tewmi li baqa’ Londra sar kritiku tal-kultura Ingliża li trabba fiha, ħuh li mar il-Bangladesh, ġie lura “aktar Ingliż minn David Niven” (attur magħruf għall-imġiba borgiża tiegħu). Fiha x’tifhem din l-istorja sekondarja fir-rumanz. Zadie Smith stess hija wild l-immigranti u trabbiet fil-Londra li tiddeskrivi b’ironija mill-aqwa fir-rumanz. Mhux qed taqla’ minn żniedha.
Ommi u missieri kienu jkellmu lil xulxin bil-Malti, imma lilna kienu jkellmuna bl-Ingliż. Il-messaġġ kien li l-Malti m’hemmx għalfejn titgħallmu d-dar għax, hekk jew hekk, minn hawn u minn hemm se titgħallmu xorta.
Fl-iskejjel li mort, id-Dorotej ta’ Tas-Sliema u l-Kulleġġ ta’ San Alwiġi, u fil-gruppi tal-iscouts li kont fihom kienet tingħata ħafna prominenza lill-Ingliż. Missieri kien iħobb ilaqqagħni mat-turisti Ingliżi fil-lukanda fejn kien jaħdem u li qatta’ ħajtu magħhom. Kieku sirt missier fi żmienu, u bil-kultura li trabba fiha, aktarx kont nagħmel bħalu.
Jien bdejt naħsibha mod ieħor meta bdejt nistudja Erba’ Drammi ta’ Oreste Calleja u d-dramm Ħitan ta’ Francis Ebejer. Qatt ma bsart li tista’ tagħmel affarijiet daqshekk interessanti bil-Malti. Ħadd ma kien qalli. U jekk qaluli, ma smajthomx. Minn dak il-waqt ’il quddiem bdejt niskopri l-Malti sew. Bdejt napprezza l-isfumaturi tiegħu. Bdejt napprezza kif tista’ tużah biex tfisser il-qagħda tagħna. Bdejt inħossni parti minn komunità, minn ġens, bi storja twila, b’wirt lingwistiku għani. U ħlift li lil uliedi nkellimhom bil-Malti. U fl-istess ħin nesponihom għall-Ingliż, għat-Taljan, u għal-lingwi kollha possibbli. Wara kollox, aktarx bla ma naf, din l-imħabba għal-lingwi ħadtha mingħand il-ġenituri tiegħi.
Aħna Ngħixu Malta
Aħna ngħixu Malta. Ma ngħixux Londra, jew New York, jew Auckland. U f’Malta l-lingwa ewlenija li jużaw in-nies fil-ħajja ta’ kuljum hija l-Malti. Kultant ferm iżjed milli naħsbu.
Għalhekk naħseb li iktar ma jgħaddi ż-żmien, dawk iż-żgħażagħ li se jkollhom ħakma tajba ħafna tal-Malti, Malti mexxej u sabiħ, li kapaċi jesprimu ruħhom sew u mhux bl-iskossi, li kapaċi jisimgħu u jifhmu l-isfumaturi differenti tad-diskors, se jkollhom vantaġġ kbir fuq ħaddieħor li jkollu għarfien limitat tal-Malti. Se jkollhom aktar opportunitajiet ta’ xogħol. Se jkunu kapaċi javvanzaw iktar f’xogħolhom. Għax l-għarfien tajjeb tal-lingwi huwa dejjem investiment kbir. Iktar ma d-dinja “tiċkien” iktar irridu nkunu kapaċi ninterpretaw u nfissru. Iktar irid ikollna ħakma tal-lingwa. U f’Malta, l-ewwel il-Malti. Imbagħad l-Ingliż. U mbagħad lingwi oħra. Kemm nistgħu. Kemm nifilħu.
Għax jekk tista’ tmur l-Għadira, u Għajn Tuffieħa, u l-Ġnejna, u l-Ħofriet, u l-Kalanka, għaliex għandek tmur l-Għadira biss? Dejjem l-Għadira?
Naf li se jkun hemm min jieħu għalih fuq din, imma se ngħidha xorta: Jien naħseb li hija inġustizzja kbira li l-ġenituri jċaħħdu lil uliedhom mill-esperjenza tal-ilsien Malti. Qed nitkellem fuq l-esperjenza sħiħa tal-lingwa, mhux sempliċiment li tkun taf li mazz ta’ karti bil-kliem miktub fuqhom, b’qoxra fuq u qoxra isfel, huwa “ktieb.” Qed nitkellem fuq il-kelma “ktieb” bħala espressjoni jew metafora: tiftaħlix kotba; fetaħ il-ktieb; ktieb magħluq; Melania teħodlu ħsieb il-kotba; il-ktieb tiegħu akbar minn tiegħek; jaf jaqra biss fi ktiebu; ir-reliġjonijiet tal-ktieb; dan ktieb li jiftaħ ħafna kotba; il-ktieb tal-ħajja; fetħitlu rasu ktieb.
Qed nitkellem fuq l-univers sħiħ li jittrażmetti l-Malti, li tittrażmetti kull lingwa. Hija inġustizzja li l-ġenituri jċaħħdu lil uliedhom minn din l-esperjenza, minn dan l-għarfien uniku. Il-Malti bħala lsien ħaj. Malti b’uċuħ differenti. Malti kollu lwien, Malti li jkanġi skont il-mument u s-sitwazzjoni. Malti li kontinwament jiżviluppa lingwaġġi differenti.
Biex tkun taf jekk il-Malti huwiex utli, staqsi lil min ma jafux. Lil min ma jistax jitkellem fil-pubbliku, jew jieħu sehem f’diskussjoni fuq il-mezzi tax-xandir, għax m’għandux ħakma tajba tiegħu u jbati biex jagħmel argument. Staqsi lil min jirrifjuta li jitkellem fil-pubbliku, jew jagħmel riċerka fost in-nies, għax ma jafx jitkellem sew u mhux dejjem jifhem l-ironija, l-assoċjazzjoni u l-espressjonijiet. Staqsi lil min jidħol f’ħanut u jgħadduh biż-żmien mingħajr ma jinduna. Jien niltaqa’ ma’ ħafna nies li jiddispjaċihom li l-Malti tagħhom huwa limitat jew imqanżaħ. Kultant meta jindunaw minn xiex ċaħħduhom ikun tard wisq.
Naturalment għandek Maltin li jridu jgħixu fil-bużżieqa ċkejkna tagħhom u mhumiex interessati fin-nies li jeżistu ’l barra minnha, fil-pajjiż li qed jgħixu fih. Għalihom il-Malti inutli. U kultant jiftaħru li l-Malti tagħhom mhux tajjeb. Jaraw in-nuqqas ta’ għarfien tagħhom (l-injoranza) bħala ċertifikat tas-superjorità. Għal dawn in-nies il-Malti dejjem se jkun inutli. U inutli tkellimhom u titkellem fuqhom.
Għal min irid “jgħix” f’Malta, u mhux sempliċiment jeżisti qisu ruħ, il-Malti huwa essenzjali. Għalija huwa l-lingwa li għandha l-ħila tgħaqqadna. Ferm iżjed minn kwalunkwe lingwa oħra. Il-Malti nistgħu nħarsu lejh bħala l-ispazju komuni ta’ bejnietna. Għalhekk it-tagħlim ta’ lsienna għalija huwa kwistjoni soċjali u kulturali ewlenija, kwistjoni ta’ ġid komuni, ta’ ġustizzja soċjali, ta’ żvilupp tas-soċjetà tagħna. L-Ingliż jista’ jaqdi l-funzjoni ta’ lingua franca? Iva, imma sa ċertu punt. Meta persuna barranija titgħallem il-Malti tkun daħlet “ġewwa.” Ma tibqax barra. Staqsuhom lill-barranin u jgħidulkom huma kif tinbidel ħajjithom meta jitgħallmu l-lingwa tal-pajjiż.
L-Unika Lingwa Tagħna
Il-Malti huwa l-unika lingwa li nistgħu nsejħulha tagħna. Li tfisser u tirrifletti l-istorja u r-realtà tagħna, il-ġografija fiżika u umana li ngħixu fiha u ssawwarna. Il-Malti ilna kważi elf sena nindukrawh. Ilu kważi elf sena jaqdina. Issa jirrakkonta dawn is-sekli kollha ta’ wirt u tibdil, qisu filmat li ma jiqafx idur. U kull meta nużawh għandna dan il-privileġġ li qed nissieħbu fi storja millennarja u fl-istess ħin fl-iżvilupp kontinwu tagħha. Ġew lingwi oħra, l-Isqalli, it-Taljan, il-Franċiż, l-Ingliż. Ġew u għad iridu jiġu. Iktar ma jiġu iktar nistagħnew. U l-Malti jibqa’ l-punt ta’ riferiment tagħna.
Il-lingwi kollha sbieħ, kollha importanti. Iktar ma nkunu nafu lingwi, iktar nikbru bħala bnedmin, iktar nitgħallmu. L-għarfien ta’ lingwa waħda jgħin fit-tagħlim ta’ lingwa oħra u jirfed l-għarfien tagħha. Iktar ma nkunu nafu lingwi, iktar napprezzawhom u nitwebblu għalihom. Il-ħakma tal-Malti tgħinna biex nitgħallmu lingwi oħrajn għax tagħtina mudell, għarfien tal-possibilitajiet li toffri l-lingwa, kull lingwa. Tagħmilna sensittivi lejn it-tħaddim tal-lingwa, tgħallimna nirrispettaw il-kelma u l-użu meqjus tagħha.
Qed nissugraw li nispiċċaw poplu monolingwi, bi gruppi ta’ nies li jitkellmu lingwa waħda, imma mhux lingwa waħda komuni, u għalhekk m’għandhomx il-ħila jitkellmu b’mod profond ma’ xulxin. Meta nrawmu kultura kontra l-lingwa, kontra l-lingwa tagħna, il-Malti, kontra t-tieni lingwa tagħna, l-Ingliż, u kontra t-tagħlim tal-lingwi b’mod ġenerali, inkunu qed niftaqru lkoll kemm aħna.
Fid-dinja akkademika wkoll, il-Malti huwa ferm iktar preżenti milli kultant naħsbu. Nużawh kontinwament, tista’ tgħid f’kull qasam ta’ riċerka, bħal meta ngħallmu kwalunkwe suġġett jew nagħmlu r-riċerka tagħna man-nies. Ngħidu aħna, l-għarfien tal-Malti u l-użu elaborat tiegħu huwa ferm iktar importanti fil-qasam mediku u fil-qasam tas-saħħa milli naħsbu. It-terminoloġija teknika li l-istudenti tal-mediċina jistudjaw l-università hija parti importanti mid-dinja tal-istudju mediku: mhix l-unika parti. It-tobba u l-istudenti tal-mediċina jridu jużaw il-Malti biex isiru jafu lill-pazjenti tagħhom u jitkellmu magħhom fuq temi kultant privati u intimi ħafna. Fuq ġisimhom u r-relazzjoni kumplessa tagħhom miegħu.
Imbagħad hemm ix-xandir tar-riċerka akkademika lill-pubbliku inġenerali. Hawn ukoll, jekk l-akkademiċi jridu jilħqu lill-poplu jridu jużaw, l-ewwel u qabel kollox, il-Malti. U mhux biss ma’ dawk li ma jafux l-Ingliż: jekk id-diskors jibqa’ bl-Ingliż, għandi l-impressjoni li għal ħafna nies jibqa’ diskors “barrani.” F’kull sens tal-kelma.
Il-Malti ta’ Għada, il-Maltin ta’ Għada
L-idea li l-Malti sar lingwa periferika fis-soċjetà hija idea falza. Min jgħidha jew mhux qed jifli sew ir-realtà jew jgħix f’ambjent magħluq li fih ftit jaslu l-irjieħ mill-irkejjen kollha tal-gżejjer Maltin. Illum, f’ħafna sitwazzjonijiet, l-għarfien tal-Malti huwa essenzjali biex bniedem isib xogħol tajjeb u jilħaq il-milja tiegħu f’dak ix-xogħol. Huwa essenzjali biex persuna tikkomunika mal-biċċa l-kbira tal-Maltin fi gruppi soċjali u ekonomiċi differenti. Huwa essenzjali biex persuna li tgħix fil-gżejjer Maltin tkun tista’ tiffunzjona b’mod kemm jista’ jkun sħiħ fis-soċjetà kumplessa tagħna.
L-adulti ta’ għada li se jkollhom il-ħila jitkellmu, jaqraw u jiktbu Malti tajjeb, u ħakma tajba tal-Ingliż, tat-Taljan u lingwi oħrajn, se jkollhom sehem ewlieni fl-iżvilupp sħiħ tas-soċjetà tagħna. F’kull livell. U se jkollhom vantaġġ kbir fuq ċittadini monolingwi magħluqin fiċ-ċirku tagħhom. Għax il-Malti u l-lingwi kollha huma opportunità.
Leave a Reply