L-Intimita’ Fil-Poeżija ta’ Antoine Cassar.
minn Lara Calleja
Illustrazzjoni ta’ Steven Scicluna
[dropcap]G[/dropcap]ħalkemm l-apprezzament lejn il-poeżija reġgħet qabdet ftit rittmu wara ħafna snin, xorta mhuwiex faċli li tkun meqjus bħala poeta stabilit f’Malta. Il-poeżija hija arti li ħafna drabi ma ġietx stmata kemm kien ħaqqha, u sabet ftit opportunitajiet fejn timraħ. Għaqdiet bħal Inizjamed u Għaqda tal-Malti taw iktar vuċi pubblika lill-kelma miktuba inġenerali, imma xorta għad fadal ħafna xogħol xi jsir fejn tidħol il-poeżija, u kif din tiġi ippreżentata lill-pubbliku. Għaldaqstant, fit-tnedija ta’ Erbgħin Jum ta’ Antoine Cassar, il-poeżija ħadet xejra differenti.
L-ewwel darba li smajt lil Antoine Cassar jaqra x-xogħlijiet tiegħu kien fil-bidu tas-Sajf ta’ għaxar snin ilu, fi Ġnien il-Milorda l-Furjana. Kienet it-tnedija tal-ġabra ta’ kitbiet Ħbula Stirati, mill-ħames awturi Ċali Grima, Mario Vella, Kevin Saliba, Alex Vella Gera u Antoine Cassar. Għalkemm oriġinarjament kont attendejt l-attivita’ biex nara lil Ċali Grima, l-impressjoni ta’ Antoine jaqra b’mod li jistiednek tisimgħu bi kmand solleni, ħalliet timbru f’moħħi. Issa li erġajt lura għal dawk ix-xogħlijiet ta’ Cassar wara diversi snin, il-kitbiet għalkemm personali, jinħassu jxeqilbu iktar lejn l-ambigwu, qishom dawra durella ma’ abiss li l-kruha tiegħu għadu biss logħba tal-ħsieb.
Sentejn wara, fl-2009, attendejt tnedija oħra ta’ Cassar bil-ktieb Passaport, fejn Antoine ħoloq lament wieħed lejn is-sitwazzjonijiet inġusti kollha li ġabu magħhom regoli stretti fl-immigrazzjoni mad-dinja kollha. Passaport, kif Antoine stess jgħid, huwa anti-passaport, cioe huwa dokument li ma jirrappreżenta l-ebda barrieri lil Immigrant u li jħallih jimraħ bla konfini. Finalment, Passaport huwa xewqa lejn umanita’ bla ġudizzji.
Fl-aħħar ġranet tal-2017 fi Studio Solipsis, fit-tnedija tal-ktieb tiegħu Erbgħin Jum, il-poeżija ta’ Antoine ħadet xejra ferm differenti. Fuq sfond mużikali minn Alex Vella Gera u Mark Abela (Żiżża), bi dwal baxxi u b’atmosfera personali, Antoine qara dawn il-passaġġi b’ intensita’ li ftit tara bħala fix-xena letterarja lokali.
Cassar qara l-versi tiegħu b’implorazzjoni, b’rabja, b’kilba u finalment b’assoluzzjoni lejn trawmi li tkaxkru miegħu sa minn eta żgħira. L-onesta’ mgħaqqda ma’ versi imdewwqa, għamlet din it-tnedija esperjenza spiritwali, u l-udjenza ssummat tiċċassa bla ma tħarrket.
Il-ktieb bil-ġabra ta’ poeżiji tieħu forma ta’ mixja bl-isem ta’ Erbgħin Jum. In-numru Erbgħin għandu diversi konnotazzjonijiet Bibliċi fejn ħafna drabi jirrappreżentaw mumenti ta’ sfidi, sawm u sagrifiċċji, fosthom l-istorja ta’ Ġesu li ġie ttantat fid-deżert għal Erbgħin Jum, jew l-ammont ta’ ġranet li qatta Mohammed jitlob u jsum.
Erbgħin Jum huwa nfatti ktieb li jieħu forma ta’ mixja kontinwa – mixja bla direzzjoni, mixja mal-biżgħat, mal-iswed fil-moħħ u mal-fatati tal-passat. Erbgħin Jum huwa ktieb qawwi u jħabbtek wiċċ imb wiċċ ma’ ħafna rakkonti personali ta’ trawmi, dippressjoni u tfittxija ta’ maħfra lejn missier li d-delli tiegħu segwewh tul ħajtu.
Finalment, Erbgħin Jum hija mixja li ftit ftit qed twassal lill-poeta għal fejqan u maħfra miegħu nnifsu.
Biż-żmien kollox jagħqad u kollox joqgħod,
Pass wara pass id-demm jinża’ mit-toqol,
Mill-bosk hemm arja ġdida dejjem ħierġa,
Anka għal din il-qalb li romlot, li romlot
Lara Calleja was active with Moviment Graffitti and with the newspaper Ir-Realta’, where she stood for the re-evaluation of laws on censorship in Malta. Juggling between a full time job, a photoblog called Shooting Malta, scribbling stories in Maltese, she tries to invest further time in activism. She believes that activism instigates a solid sense of awareness which empowers the masses.
Leave a Reply